|
Inizjattivi tal-Kumitat Tekniku tal-Letteratura |
|
| Ħolqien ta' sit elettroniku dwar il-letteratura Maltija | |
|
Fis-16 ta' Ġunju, 2005, inħoloq dan is-sit elettroniku bi prova amministrat mill-Kumitat Tekniku tal-Letteratura biex iservi bħala punt ta' riferiment għall-inizjattivi tal-Kumitat Tekniku tal-Letteratura, u għal dawk kollha, Maltin u mhumiex, li jinteressaw ruħhom fil-letteratura Maltija, f'avvenimenti marbutin magħha, fil-kittieba Maltin u l-kitbiet tagħhom, u l-bqija. L-idea hi li s-sit ikun aġġornat regolarment u jibqa' jaħdem meta jinbidlu l-membri tal-Kumitat Tekniku tal-Letteratura.
Dan is-sit mhuwiex sit uffiċjali tal-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti. Is-sit tal-kunsill jinsab hawnhekk: www.kunsilltalmalti.gov.mt
Is-sit għandu wkoll l-għan li jinforma lill-membri l-oħra tal-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti u naturalment lill-pubbliku in ġenerali b'dak li jkun qed jagħmel il-Kumitat tal-Letteratura u b'dak li jkun qed iseħħ fil-qasam tal-letteratura Maltija. Wara kollox, għan tal-Kumitat tal-Letteratura mhuwiex li jagħmel kollox hu, iżda li jħeġġeġ lill-għaqdiet u l-individwi li diġà qegħdin jaħdmu bis-sħiħ b'dan il-qasam u jagħtihom l-appoġġ li jista'.
It-tagħrif dwar avvenimenti letterarji ewlenin jidher fit-taqsima ta' l-Aħbarijiet u qed jinġabar minn Adrian Grima u Joseph Borg, li jirrappreżenta lill-għaqdiet tal-Malti fil-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti. |
|