|
|
(L-Orizzont,
It-Tnejn 25 ta' April 2005)
Ftit
tal-jiem ilu twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti.
B’rappreżentanti fost oħrajn mid-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut
tal-Lingwistika fl-Università, mill-Akkademja tal-Malti, mill-Kunsill Malti
ta’ l-Arti u l-Kultura, mill-Uffiċċju ta’ l-Avukat Generali u mill-Istitut
tal-Gurnalisti, il-Kunsill għandu l-iskop aħħari li jsaħħaħ l-ilsien tagħna.
GAETANO MICALLEF iltaqa’ mal-Professur MANWEL MIFSUD, President tal-Kunsill
kif ukoll Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, biex jiddiskuti
miegħu l-ħidma li mistennija ssir biex il-lingwa Maltija tinżamm ħajja.
Għalfejn twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti?
Kien ilu jinħass il-bżonn li jkun hemm organizzazzjoni li tikkoordina
l-ħafna xogħol li jsir favur il-lingwa Maltija u tagħtih direzzjoni skond
pjan miftiehem li jġib il-lingwa Maltija ’l quddiem, jew kif insejħulu -
politika lingwistika. Irridu niżguraw li l-Malti jkun preżenti u jidher kull
fejn jixraqlu bħala l-ilsien nazzjonali ta’ dawn il-gżejjer, u fl-istess ħin
li jkun imħaddem tajjeb kullimkien, mil-letteratura sa fl-inqas fuljett li
joħroġ, sa f’kull avviż li naraw madwarna.
Kien hemm il-bżonn li l-Malti jiġi kkurat għax f’kull pajjiż żviluppat
il-lingwa - bħal kull qasam ieħor - hija kkurata permezz ta’ Liġi tal-Lingwa
u Kunsill li jippromwovi l-lingwa ta’ kuljum. Anke ħafna mill-pajjiżi li
daħlu magħna fl-Unjoni Ewropea, diġà għandhom kunsill nazzjonali tal-lingwa.
Oħrajn għadhom qegħdin joħolquh. Aħna la aħna minn ta’ l-aħħar u lanqas minn
ta’ l-ewwel.
X’jiġifieri meta tgħid “tikkura” lil-lingwa?
Żgur m’hix l-idea li tiċċensura jew timponi fuq in-nies kif jitkellmu jew
kif jużaw il-lingwa. L-idea hija li l-lingwa toħolqilha l-ambjent xieraq
biex tiżviluppa waqt li tħalliha tikber b’mod naturali. Tagħtiha wkoll
l-istandards lingwistiċi billi turi liema huma l-użi tajbin tal-lingwa.
Sewwasew kif tagħmel lil siġra: is-siġra tikber b’mod naturali, imma jekk ma
tagħmilx xita trid issaqqiha, u kultant tiżborha biex tagħti iktar frott.
Huwa fatt, u dan jixhduh ħafna ittri li jinkitbu fil-gazzetti, li l-Maltin
l-lingwa tagħhom iħobbuha u jixtiequ li jkun hemm xi awtorità serja li tieħu
ħsiebha bis-serjetà. U hemm l-isfidi ġodda. Għal ħafna sekli l-Malti kien
lingwa mitkellma biss għax il-lingwa barranija kienet uffiċjali fil-pajjiż.
Meta l-Malti sar ilsien uffiċjali kellu jidħol fil-Liġi u
fl-amministrazzjoni pubblika, u allura kellu bżonn jiżviluppa l-vokabolarju
tiegħu għal dawn l-oqsma ġodda.
Illum għandna sfida oħra: dik li l-Malti jkompli jikber biex ikabbar
it-terminoloġija f’tant setturi tal-ħajja bħala lsien uffiċjali fl-Unjoni
Ewropea. Dan kollu jitlob minna li nkunu organizzati. Għalhekk twaqqaf
il-Kunsill Nazzjonali.
Kemm taħseb li l-poplu Malti jippreferi l-lingwa Maltija biex jaqra?
Huwa fatt li l-poplu Malti m‘hux fost l-aktar li jaqraw, bħalma hu fatt li
b’xorti ħażina bosta draw jassoċjaw l-edukazzjoni nnifisha ma’ l-Ingliż
biss. Imma l-pubblikazzjonijiet Maltin qegħdin jiżdiedu, mhux jonqsu, u
l-kwalità tagħhom - kemm fis-sustanza u kemm fil-preżentazzjoni - qiegħda
titjieb.
Imma wieħed irid jagħti kas mhux biss ta’ dik li hi letteratura imma anke
f’sens wiesa’ ta’ kulma jinkiteb bil-Malti. Il-Malti jrid ikun preżenti u
fil-fatt qiegħed isir dejjem aktar preżenti. Għal ħafna snin, ngħidu aħna,
il-banek tagħna ma kinux joffru s-servizz tagħhom bil-Malti. Illum joffruh.
Anke l-avviżi li naraw fit-toroq, inkluż il-billboards, ma konniex narawhom
bil-Malt kif narawhom illum.
Jiġifieri l-Kumitat se jagħti każ ta’ dawn l-affarijiet ukoll u mhux biss
tal-Malti kif jintuża fil-lingwa u l-letteratura?
Iva, se jagħti kas tal-lingwa fl-oqsma kollha tagħha. Għax il-lingwa mhix
tal-lingwisti jew tal-kittieba biss: hija ta’ kull min jużaha, jiġifieri
tal-Maltin kollha. Waħda mill-affarijiet li rridu nagħtu ħafna kas tagħha,
per eżempju, hija proprju din: is-sinjali madwarna.
Dan l-aħħar kellna lill-Prof. Strubell, kelliem mill-Katalunja, u qalilna li
meta niżel l-ajruport ħasdu l-fatt li ra l-isem “Malta International
Airport”: kien jistenna li tkun bil-Malti wkoll. Qalilna li seta’ jifhem li
kieku l-frażi kienet bil-Malti biss - l-ewwel lingwa ta’ Malta - imma ma
jippretendix li tkun bl-Ingliż biss għax dan jgħaddi mill-ewwel messaġġ
negattiv fuq kif qegħdin nippreżentaw l-identità tagħna. Il-Malti hu l-ewwel
lingwa ta’ Malta u jrid ikun dejjem preżenti. Ma jridx ikun il-lingwa
tal-Kostituzzjoni biss.
Jinkwetak il-fatt li ħafna Maltin jitkellmu bl-Ingliż u mhux bil-Malti?
Dażgur li jinkwetani, għax hija ħaġa stabbilita f’kull pajjiż li l-ewwel
lingwa li titgħallem u li tuża hija l-lingwa naturali tiegħek, fil-każ
tagħna l-lingwa Maltija.
Fl-imgħoddi l-Malti kien meqjus bħala “l-ilsien tal-kċina” għal ħafna snin.
U dan l-isem kien iweġġagħna. Imma llum għandna periklu li għandna numru ta’
żgħażagħ li qegħdin jitrawmu b’lingwa barranija biss u l-Malti jistudjawh
biss biex jagħmlu l-Matrikola u biex jużawh fl-affarijiet uffiċjali. Imma ma
jużawhx meta jitkellmu bejniethom fil-ħajja ta’ kuljum. Fi kliem ieħor,
“fil-kċina” ma jitkellmux bil-Malti.
Jiena ngħid j’alla l-Malti jkun ukoll il-lingwa tal-kċina. Mhux biżżejjed li
qiegħed fil-Matrikola, fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika u fl-Unjoni Ewropea.
Irridu ngħożżuh tassew f’qalbna bħala l-ilsien li jagħmilna tassew Maltin u
nużawh fit-toroq, fil-ħwienet, fuq ix-xogħol u fid-djar tagħna. Hemm tinsab
l-ewwel saħħa tiegħu.
Taħseb li l-mezzi tax-xandir jinfluwenzaw il-mod kif jinkiteb jew jiġi
mitkellem il-Malti?
Aħna ngħidu li l-lingwa jagħmilha l-poplu, u sa hemm m‘hemm xejn ħażin. Imma
llum aktar mill-poplu qiegħda tagħmilha l-media, daqqiet tajjeb u daqqiet
ħażin. In-nies jisimgħu u mal-messaġġ jixorbu l-lingwa. Mill-gazzetti li
jaqraw, mir-radjijiet miftuħin fil-garaxxijiet jew fuq il-post tax-xogħol.
Għalhekk huwa importanti ħafna li n-nies tal-media jkunu mħejjijin tajjeb.
Fl-istess ħin dejjem insistejt li jrid ikollna rispett kbir lejn in-nies
tal-media għax dawn huma aġenti ewlenin biex l-ilsien Malta jimxi ‘l quddiem
u l-ewwel sfidi ta’ żvilupp jaffaċċjawhom huma.
Kif tiddeskrivi l-livell tal-Malti fil-mezzi tax-xandir?
Diffiċli tagħti ġudizzju wieħed, għax hemm bosta xandara li jużaw il-Malti
b’ħila u b’attenzjoni kbira, waqt li ma jonqsux dawk li qegħdin jherrulu
saħħtu ta’ kuljum u bla inkwiet ta’ xejn.
Fl-istess ħin, irridu niftakru li xandar ta’ sikwit ikollu joħloq kelma jew
frażi, mod kif jesprimi ruħu, f’ħakka t’għajn, mhux bħal awtur li jista’
jikteb bil-kalma u meta jrid iwarrab ix-xogħol tiegħu u jerġa’ jikkoreġih u
jorqmu. Ma nistax nikkritika lin-nies tal-media bil-kriterji tal-kitba
letterarja, kif ġieli jsir, għax is-sitwazzjoni tax-xogħol mhix l-istess.
Veru li permezz tal-media daħlu fil-Malti kliem u espressjonijiet li stajna
sibnielu alternattiva aħjar. Imma f’xi każi ma nkunux realistiċi jekk
nipprovaw inneħħu ċertu kliem li issa daħal u qiegħed fuq fomm kulħadd.
Il-ġurnalist u x-xandar għandhom ħabta jkunu l-mira tal-kritika ta’ kulħadd.
Jien ngħid li qabel ma tgħinu bniedem ma tistax tikkundannah. Il-ġurnalist
kien qiegħed isib tweġiba pronta u għajnuna lesta għad-diffikultajiet
tiegħu? Jien nemmen li le. Kien hemm nies li pprovaw jgħinu, imma ma konniex
effettivi għax ma konniex organizzati biżżejjed. Għalhekk kien meħtieġ
il-Kunsill Nazzjonali, li se jkollu kumitat apposta, attent għall-użu
tal-Malti fil-media u lest biex iwieżen lill-ġurnalisti fix-xogħol tqil
tagħhom.
Kif taħseb li għandu jinkiteb il-kliem li jkun ġej mill-Ingliż?
L-ewwelnett regola uffiċjali teżisti, u din tgħid li ladarba għandna
l-ortografija tagħna, hemm mod kif dan jinkiteb. Nemmen, u din hija
r-regola, li kull kelma li daħlet minn lingwa barranija u hija meħtieġa
verament fil-lingwa tagħna għandha tinkiteb “la Maltija” u mhux bl-Ingliż
fil-virgoletti (“inverted commas”) jew korsiv (“italics”).
La l-lingwa Maltija għandha sistema kif tikteb il-ħsejjes tagħha, mhux sewwa
li kull erba’ kelmiet ikollok kelma li ma timxix mar-regola, jiġifieri
miktuba la Ingliża, għax b’dan il-mod inkunu qisna qegħdin ngħidu li biex
tkun taf il-Malti trid tkun taf bl-Ingliż bilfors.
Per eżempju l-kelma “football” daħlet fil-lingwa tagħna u m’għandniex kelma
oħra għaliha. Ma ngħidux il-“ballun tas-sieq” jew xi ħaġa hekk. Qatt
m’għednieha u mhux se ngħiduha. Illum dik hi l-kelma Maltija u għalhekk
għandna niktbuha futbol.
Għaliex, biex nagħti eżempju ieħor, il-kelma televixin għandi nibqa’
niktibha bl-Ingliż meta din daħlet fil-lingwa Maltija? Li kieku kienu ftit
il-kelmiet li ġejjin minn lingwa barranija, allura forsi stajna nħalluhom
fil-virgoletti bħalma kien jiġri fl-imgħoddi. Imma meta beda dieħel ħafna
kliem ma setax jibqa’ jsir hekk. Barra minn hekk, irridu nqisu ħaġa oħra.
Jekk, per eżempju, ħa nikteb il-kelma “strike” bl-Ingliż, kif ħa nikteb
imbagħad il-kelma “jistrajkjaw”? Żgur mhux se niktibha “nistrikejaw”! Allura
awtomatikament din tiddettali li niktibha “la Maltija”.
U għaliex dan il-biża’ kollu biex niktbu “la Maltija”? Taf li l-Olandiż,
ngħidu aħna, li daħħal ħafna kliem mill-Ingliż, jikteb il-kliem kollu “la
Olandiża” u ma jibqax jirrispetta l-ortografija ta’ l-Ingliż?
Kif tħares lejn il-fatt li fil-Malti dieħel daqstant kliem barrani?
Dan il-fatt jinkwetani u ma jinkwetanix. Ma jinkwetanix għax lingwa biex
tikber trid “tiekol”. Bħall-bniedem. Aħna ma niklux minna nfusna imma nieklu
xi ħaġa barra minna, li ssir parti mill-organiżmu tagħna. U b’hekk nikbru.
L-istess il-lingwa – tissellef kliem u tagħmlu parti minnha. Li l-Malti
jissellef kliem minn lingwa oħra m’għandhiex tinkwetani, għax b’hekk
il-Malti qiegħed jibqa’ lingwa ħajja adattata għal soċjetà tat-tielet
millennju.
Imma li tikber billi tissellef biss, dik tinkwetani ftit. Il-Malti kapaċi
jikber minnu nnifsu. Darba, per eżempju, waqt programm li nagħmel fuq
ir-radju kien hemm mara li qaltli li xtaqet kelma Maltija għal “rabbitry“,
jiġifieri post fejn jitrabbew il-fniek fuq livell kummerċjali. Issa l-bidwi
tagħna kien ikollu ftit fniek u dawn kienu jinżammu f’xi gallinar u għalhekk
ma kellniex kelma għal “rabbitry”. Jiena ssuġġerejtilha l-kelma “fenkerija”.
Maħruġa mill-kelma “fenek” u miżjuda mas-suffiss “erija” li tfisser post
bħal fil-kliem “birrerija”, “pastizzerija” u “librerija”. Tgħidli kemm se
jaċċettaha l-Malti? Jien ngħid: allura l-Malti kif aċċetta, anzi waħdu
ħoloq, “fenkata”? Għax hemm ukoll il-Malti ħa l-kelma “fenek” u għaqqadha
mas-suffiss Taljan “ata”.
Il-Malti jista’ jkun kreattiv. Mhux bilfors noqogħdu b’idejna fuq żaqqna
nistennew il-kliem Ingliż jaqa’ f’ħalqna u niktbuh “la Maltija”.
Il-kreattività tal-lingwa jmissna naħdmu aktar fuqha. U jien beħsiebni
nintefa’ ħafna fuq dan il-qasam. Meta daħlet il-karta li tikkopja
d-dokumenti biha, dik li l-Ingliżi jsejħulha “carbon paper”,
il-Maltin sejħulha “karta saħħara”. U għandna ħafna frażijiet oħrajn li
daħlu u sara biċċa waħda mil-lingwa Maltija.
Gużè Aquilina, il-lingwista magħruf li kien ukoll Kap tad-Dipartiment
tal-Malti fl-Università, darba ntalab minn gurnalist biex isiblu kelma
Maltija għall-kelma “crossword” peress li kien se jdaħħal din
il-logħba f’gazzetta. Il-Professur Aquilina ħoloq il-kelma “tisliba” għax
fil-“crossword” tkun qiegħed issallab il-kliem. In-nies fehmuha u
użawha. Kieku llum m’għandniex kelma għaliha u aktarx niktbu “kroswerd”.
Jien mhux qiegħed ngħid li m’għandniex nissellfu, imma li tissellef biss
mhux tajjeb. Anke l-kreattività fit-tifsir irridu niżviluppaw. Qatt
osservajna li fl-Ingliż, meta beda l-kompjuter, dik l-għodda li nużaw
f’idejna sejħulha “mouse”. Ara l-Ingliż kemm hu kreattiv: ħares lejn
il-ħaġa, raha li qisha ġurdien u taha dik il-kelma. Hekk ukoll għamel fi
kliem ieħor bħal “shuttle” (mekkuk) għal vettura spazjali. |