Membri tal-Kumitat Tekniku tal-Letteratura

 

Ara wkoll:

Il-Kumitat Tekniku tal-Letteratura fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti għas-snin 2005-2008 huwa magħmul minn Adrian Grima (kap), Clare Azzopardi, Marco Galea, u Immanuel Mifsud

 

Adrian Grima (1968) jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Kiseb id-Dottorat b’teżi dwar ħames metafori li sawru l-immaġinarju nazzjonali fil-letteratura Maltija. Tkellem dwar il-letteratura, il-kultura u l-Mediterran f'konferenzi f'Malta, Reggio Calabria, Palermo, Ruma, Ċipru, Delfi, Londra, Pariġi, u Puerto Rico, u fl-universitajiet ta' Yale u Colorado at Boulder fl-Istati Uniti ta' l-Amerika. Xandar artikli kulturali u ta’ riċerka f’Malta, l-Italja u Franza.

 

Fl-1999 ippubblika It-Trumbettier, ktieb ta' poeziji bil-Malti, bi tpinġijiet u traduzzjonijiet għall-Ingliż. Dal-ktieb rebaħ it-tieni premju fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżija ppubblikati fl-Ewropa fl-1999. Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet fl-Italja, Franza, Ċipru, l-Iżrael, l-Olanda, l-Awstrija, il-Ġermanja, u Korsika, u qara x-xogħlijiet tiegħu f’Malta, Belfast, Ċipru, Delfi, Katanja, Ruma u l-Olanda.

 

Dr. Grima huwa l-editur ta' Ktieb għall-Ħruq (Inizjamed, 2005), F’Kull Belt Hemm Kantuniera (Inizjamed, 2003), Bliet (u Miti) (Inizjamed 2002), u ġabriet oħra ta' letteratura kontemporanja bil-Malti. Ħareġ ukoll il-ktejjeb “Dgħajjes Qodma u Maħmuġin” - Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin (Kumitat Festi Nazzjonali, 2004) u Gżejjer ta' Diversità Kulturali/Islands of Cultural Identity ma' Kevin MacNeil (2001).

 

Adrian Grima huwa l-korrispondent Malti tal-website dwar il-kultura fil-Mediterran, Babelmed. Ara wkoll www.adriangrima.com

 

 

 

Clare Azzopardi (1977) temmet l-istudji tagħha fl-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta fl-1999 u llum hija għalliema tal-Malti fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi. Fl-2004 temmet l-istudji tagħha tal-Masters ma’ l-Università ta’ Sheffield fl-Ingilterra. Clare hija attiva f’Inizjamed: kienet il-koordinatriċi ta’ żewġ korsijiet għal min irid jikteb letteratura għat-tfal, żewġ sensiliet workshops għall-kitba tan-nisa u bosta proġetti.

 

Xi xogħlijiet tagħha ntgħażlu biex jinqraw waqt attivitajiet letterarji mtellgħa minn Poeżijaplus u Inizjamed. Clare tat sehemha wkoll fil-kitba tal-kotba edukattivi Prosit (2000), Skaluni (2001), Stilel (2003-2005), Senduq Kuluri (2005) u Senduq Buffuri (2005) Il-poeżiji tagħha dehru f’Illejla Ismagħni Ftit (2001) u xi novelli dehru f’Kull Belt Hemm Kantuniera (2003), Ktieb għall-Ħruq (2005) u fir-rivista letterarja In Focus (Ċipru, 2005).

 

 

 

Marco Galea twieled fl-1968 u studja fid-Dipartimenti tal-Malti u tat-Taljan fl-Università ta’ Malta u fid-Dipartiment tad-Drama u l-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Birmingham, l-Ingilterra. Jgħallem il-Malti fil-Kulleġġ Universitarju Ġan Franġisk Abela u fil-Fakultà ta' l-Arti ta' l-Università ta’ Malta. Xandar għadd ta' artikli dwar it-teatru Malti f'rivisti speċjalizzati f'Malta u barra minn Malta, fosthom "The Maltese Janus" ma' Dr. Brian Crow fir-rivista ewlenija World Literature Today.

 

Dr. Marco Galea huwa l-editur ta’ l-antoloġija It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, f’żewġ volumi (Mireva, 1997), ko-editur tal-volum Il-Kitba Teatrali f’Malta (Malta University Press, 1998) u awtur ta’ artikli dwar id-drama Maltija u l-istorja tat-teatru ppubblikati f’Malta u barra.

 

F'Settembru ta' l-2005 Dr. Marco Galea nħatar President ta' l-Akkademja tal-Malti.

 

 

 

Immanuel Mifsud twieled fl-1967. Ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu fl-1991, ġabra ta’ stejjer qosra bit-titlu Stejjer ta’ Nies Koroh. Sentejn wara ħareġ ġabra oħra bl-isem ta’ Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija. Ippubblika wkoll erba' ġabriet ta’ poeżiji, Fid-Dar ta’ Clara, Il-Ktieb tar-Riħ u l-Fjuri, Polska-Slovensko (2004) u KM (KKM, 2005). Fl-2002 ħareġ il-ktieb L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut, ippubblikat mill-MINIMA Publishers. Fl-2005 ħareġ il-ħames ġabra ta' novelli, Kimika (KKM).

 

Xi kitbiet tiegħu nqalbu għall-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, il-Katalan u s-Slovakk. Aktar kmieni din is-sena kien mistieden bħala poeta Malti għall-Festival tal-Poeżija Mediterranja li jsir kull sena f’Palma de Mallorca. Din is-sena wkoll, storja tiegħu, “Laqgħa ma’ Mara Morbi”, dehret fl-oriġinal u fil-verżjoni Taljana fil-ġabra ta’ stejjer mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea Racconti Senza Dogana, pubblikazzjoni tal-PEN CLUB Taljan u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Italja. Xi poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjoni oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, u fil-ġurnal elettroniku Transcript.org. F’Ottubru ta’ l-2003, il-PEN Club Slovakk stednuh Bratislava biex jippreżenta x-xogħlijiet bil-Malti u bis-Slovakk. Ara www.immanuelmifsud.com

 

Messaġġ tal-Professur Manwel Mifsud, President tal-Kunsill tal- Malti,

lill-membri tal-Kumitati Tekniċi

 

Qabelxejn nixtieq nifraħlek tal-ħatra tiegħek bħala membru tal-Kumitat tal-Letteratura fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti, u nirringrazzjak talli għoġbok tilqa’ din is-sejħa.

 

Bħala membru tal-Kumitat, inti għandek il-fiduċja kemm tal-Kummissjoni Teknika kif ukoll tal-Kunsill Nazzjonali, li t-tnejn approvaw il-ħatra tiegħek. Jiena wkoll, bħala President tal-Kunsill, għandi pjaċir li se jkolli l-opportunità naħdem miegħek fil-qrib fuq proġett li huwa għal qalbna t-tnejn.

 

Quddiemna għandna sfida kbira, dik li nagħtu lill-ilsien Malti l-pożizzjoni li tixraqlu bħala mezz ta’ komunikazzjoni effettiv u sinjal ta’ l-identità tal-poplu tagħna. Dan jista’ jsir biss billi, wara li nkunu studjajna l-qagħda u l-użu preżenti tal-Malti fil-qasam partikulari li għalih ġejna msejħa, infasslu flimkien pjan ta’ ħidma għal dan il-qasam, pjan li mbagħad jintegra ruħu mat-tifsil li jkun qed isir fil-kumitati għall-oqsma l-oħra. Dan il-pjan għandu jiġbor fih kemm miri għat-tul kif ukoll miri fil-qrib, iktar urġenti.

 

Qabel ma nibdew naħdmu flimkien, nixtieq inwasslilkom tliet prinċipji li kienu sa mill-bidu tat-tifsil tal-Liġi tal-Malti u li l-Kunsill qed jagħtihom importanza kbira. Nixtieqek iżżommhom f’moħħok biex jispirawk fix-xogħol kollu tiegħek fi ħdan il-Kunsill:

 

(1)  Inkunu serji. Il-kwalità trid tidher fix-xogħol tagħna u f’kulma nippreżentaw lill-poplu Malti. Irridu nżommu livelli internazzjonali, mhux biex nimitawhom bl-amment imma biex jispirawna bis-serjetà tagħhom. Il-medjokrità ma għandux ikollha post fostna, għax il-kredibilità u l-awtorità tagħna trid tiġi mill-idea għolja li n-nies ikollhom fuqna bħala nies ta’ l-affari tagħna.

 

(2)  Inkunu inklużivi. Għalkemm aħna qed naħdmu volontarjament, il-Kunsill m’huwiex “għaqda volontarja” għax bħala Kunsill Nazzjonali rridu nagħtu kont lill-poplu. Dan il-proġett mhux tagħna biss, imma tal-Maltin kollha. Għalhekk għandu dritt iħossu parti minna kull min għandu l-Malti għal qalbu u jipprova jħaddmu bl-aħjar mod fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, imma wkoll min ma jaqbilx magħna, min jaraha mod ieħor, min għadu mhux konvint. Fil-pjanijiet tagħna rridu ninkludu lill-kelliema kollha tal-lingwa u ninvolvu lil min sa issa kien qed jaħdem favur il-lingwa Maltija, fosthom l-għaqdiet tal-Malti, awturi, ġurnalisti u nies oħra tal-ħsieb. Għax il-Kunsill twaqqaf biex jgħaqqad u jsaħħaħ, mhux biex jifred u jfarrak.

 

(3)  Inkunu ġentili. Din se tkun karatteristika li tagħżel l-attitudni tal-Kunsill minn kulma sar sa issa. Il-kelliema, il-kittieba, il-ġurnalisti tal-Malti sa issa aktarx sabu ħafna min jaħtafhom, jikkritikahom u jiċċensurahom; sabu inqas min jgħinhom u jiftħilhom għajnejhom. Nistgħu nkunu sodi imma ġentili, effettivi imma edukati, xjentifiċi imma umli. Għax jekk f’xi ħaġa nafu iktar mill-oħrajn, aktarx li fi ħwejjeġ oħra jgħallmuna. Irridu noffru għajnuna, servizz tajjeb u bit-tbissima. Jien fiduċjuż li n-nies jagħtuk dak li tagħtihom, u li se jkunu iktar disposti biex jisimgħu, jifhmu u jissieħbu magħna la nkunu ġentili lejhom.

 

Il-11 ta’ Ġunju 2005

 

Iż-żewġ direzzjonijiet ewlenin tax-xogħol tal-Kumitati

 

Nixtieq infakkar fiż-żewġ direzzjonijiet ewlenin tax-xogħol ta’ kull Kumitat:

 

  1. li jibda jfassal studju serju u dettaljat tas-sitwazzjoni tal-Malti fil-qasam partikolari, għax għadna neqsin ħafna mill-informazzjoni li tista’ tgħinna nfasslu u nwettqu politika lingwistika soda u realistika. Għal dan se jkollna l-għajnuna ta’ mudelli (rapporti, kwestjonarji eċċ.) ta’ Kunsilli oħra tal-lingwa f’pajjiżi barranin, li nittamaw li jkunu f’idejna dalwaqt. Biex jitwettaq ix-xogħol, naħseb li – fil-limiti taċ-ċirkustanzi – forsi jista’ jkollna l-għajnuna ta’ entitajiet u possibiltajiet li jeżistu (bħalma huma l-Kunsilli Lokali u l-assenji/teżijiet ta’ l-istudenti ta’ l-università u l-Junior College, l-aktar dawk tal-Malti). Barra milli nużaw il-fondi limitati li għandu l-Kunsill, irridu nesploraw il-possibiltà li jkollna xi għajnuna għal dan l-istħarriġ mill-Unjoni Ewropea, kemm fi flus kif ukoll f’pariri/żjajjar ta’ esperti

  2. li jfassal u jressaq lill-Kummissjoni Teknika (u eventwalment lill-Kunsill Nazzjonali) pjan ta’ ħidma għall-qasam partikolari, li jkun jinqasam fi:

  • pjan għat-tul, li fih nindikaw miri bażiċi li rridu nilħqu u li jridu jkunu fl-isfond ta’ kull azzjoni/deċiżjoni li nieħdu, biex ma noħorġux mid-direzzjoni tagħna

  • pjan fil-qrib, li fih nidentifikaw dawk il-ħtiġijiet urġenti li jitolbu azzjoni immedjata; ladarba l-Kunsill għadu qed jistabbilixxi ruħu, għandhom jitqiesu fost dawn dawk il-miri li, barra milli huma meħtieġa b’urġenza, jistgħu jgħinu lill-Kunsill jieħu isem tajjeb u jħalli l-impatt tiegħu f’qasir żmien

Kif naraha jien, waqt li l-pjan għat-tul għandu jżomm f’moħħu t-terminu ta’ tliet snin li bihom huma marbutin il-Kumitati (imma ma għandux ikun limitat minnu), il-pjan fil-qrib għandu jkun possibilment marbut mat-terminu ta’ sena. Dan għaliex il-Kunsill se jibda jaħseb biex jagħmel il-pjan tiegħu, b’objettivi li jridu jintlaħqu fi żmien sena u oħrajn li għandhom jimmaturaw matul tliet snin. Ma’ dawn l-objettivi u t-twettiq tagħhom naturalment se jkun marbut ukoll il-baġit tal-Kunsill, annwali u triennali.

 

Manwel Mifsud

Id-9 ta’ Ġunju 2005